Proċess tal-għażla

Il-Ġurija tal-Premju LUX hija magħmula minn professjonisti tal-films Ewropej, li jagħżlu l-ħames films nominati għall-Premju LUX tal-Udjenza minn ġabra estensiva ta’ films sottomessi għall-European Film Awards. Kull membru tal-ġurija jista’ jipproponi żewġ films biex jiġu kkunsidrati għan-nomina. 

Il-Ġurija tal-Premju LUX iltaqgħet fit-28 ta’ Ġunju 2023 fi Brussell u, wara diskussjoni bir-reqqa, għażlet ħames films għall-Premju LUX tal-Udjenza, li l-ismijiet tagħhom ġew żvelati matul il-Festival Internazzjonali tal-Films ta’ Venezja fl-1 ta’ Settembru 2023 fil-preżenza ta’ Membri tal-Parlament Ewropew, udjenza, produtturi u professjonisti tal-films.

Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-edizzjoni tal-2024

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-Premju LUX tal-Udjenza, il-films riedu jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

Ġenerali:

  • Li jkunu rċevew premju, jew attenzjoni notevoli, f’festival ewlieni.
  • Riedu jkunu nbiegħu jew intwerew f’teatri taċ-ċinema f’mill-inqas ħames Stati Membri tal-UE (jew li d-drittijiet tagħhom ikunu nbiegħu f’mill-inqas Stat Membru wieħed tal-UE fil-każ ta’ films mill-Festival Ċinematografiku ta’ Cannes).
  • Ried ikollhom l-ewwel wiri pubbliku uffiċjali f’festival jew ikunu nħarġu fiċ-ċinema jew online bejn l-1 ta’ Lulju 2022 u t-28 ta’ Mejju 2023.

Suġġetti:

  • Juru d-diversità tas-suġġetti fil-qalba tad-dibattitu Ewropew u għandhom ikunu aċċessibbli minn udjenza Ewropea wiesa' u diversifikata.
  • Ikopru varjetà ta' temi, jippromwovu u jinkoraġġixxu d-dibattitu pubbliku dwar il-ħajja Ewropea ta' kuljum u dwar il-futur tal-Ewropa. Huma mħeġġa d-diversità tat-ton, is-suġġetti u l-ġeneri.
  • Juru b'suċċess l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni permezz tas-suġġetti u l-karattri tal-film.

L-oriġini ġeografika tal-produzzjoni:
Jeħtieġ li jiġu prodotti jew koprodotti f'pajjiżi eliġibbli għall-programm EWROPA KREATTIVA-MEDIA (l-Istati Membri tal-UE, l-Albanija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Kosovo, il-Moldova, il-Montenegro, in-Norveġja, il-Maċedonja ta' Fuq, is-Serbja u l-Ukrajna).

Ġeneru:
Finzjoni, animazzjoni u dokumentarju.

Tul:
Ikunu twal mill-inqas 60 minuta. Films li jkunu itwal minn 120 minuta għandhom jiġu evitati kemm jista' jkun.