Premju LUX tal-Udjenza

Għaliex il-Premju LUX tal-Udjenza?

"LUX – Il-Premju Ċinematografiku Ewropew tal-Udjenza (fil-qosor: Premju LUX tal-Udjenza)", organizzat mill-Parlament Ewropew u l-European Film Academy, jixhed l-impenn tal-Parlament Ewropew lejn il-kultura. L-inizjattiva tippromwovi d-diversità kulturali u tipprovdi appoġġ tanġibbli liċ-ċinema u lill-arti Ewropej.

Il-Premju LUX tal-Udjenza huwa mibni fuq il-Premju LUX preċedenti, li l-Parlament Ewropew stabbilixxa fl-2007, u fuq il-People's Choice Awards tal-European Film Academy, introdott fl-1997. Il-films nominati jqajmu kuxjenza dwar il-kwistjonijiet soċjali u politiċi attwali, u jinvolvu lill-udjenza f'dibattiti dwar l-Ewropa b'mod li verament jaffettwahom u jirriflettu s-sbuħija u d-diversità taċ-ċinema Ewropew.

Il-premju jkompli jibni pontijiet kulturali madwar l-Ewropa billi jippromwovi films li jmorru fil-qalba tad-dibattitu pubbliku fl-Ewropa.
Il-premju għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politika u l-popli, billi jistieden lill-udjenzi Ewropew isiru protagonisti attivi u jikklassifikaw wieħed jew aktar mill-films nominati. L-għan huwa li l-udjenzi jinvolvu ruħhom f'dibattiti dwar l-Ewropa, permezz ta' films Ewropej ispiranti.

Il-Parlament Ewropew jemmen li ċ-ċinema, bħala mezz kulturali tal-massa, huwa pjattaforma ideali biex jinstiga d-dibattitu u r-riflessjoni dwar l-Ewropa u l-futur tagħha. Il-European Film Academy, li tgħaqqad aktar minn 4 000 produttur tal-films madwar l-Ewropa, hija impenjata li tippromwovi l-kultura ċinematografika Ewropea minn mindu twaqqfet fl-1988.

Kif jintgħażel ir-rebbieħ?

Il-ħames films nominati għar-raba’ edizzjoni tal-Premju LUX tal-Udjenza ġew żvelati pubblikament matul il-Festival Internazzjonali tal-Films ta’ Venezja fl-1 ta’ Settembru 2023 fil-preżenza ta’ Membri tal-Parlament Ewropew, udjenza, produtturi u professjonisti tal-films.

L-udjenza u l-Membri tal-Parlament Ewropew (Membri tal-PE) huma mistiedna jikklassifikaw il-films online. Il-film li jirċievi l-ogħla klassifikazzjoni mill-pubbliku u mill-Membri tal-PE (kull grupp ikollu 50% tal-voti), ikun ir-rebbieħ tal-Premju LUX tal-Udjenza. Il-film rebbieħ se jitħabbar fiċ-Ċerimonja tal-Premju LUX tal-Udjenza, li se ssir fil-Parlament Ewropew f’Marzu 2024. 

X’inhu l-għan tal-Premju LUX tal-Udjenza?

Il-Premju LUX tal-Udjenza għandu l-għan li jsir simoblu ta’ kwalità fir-rigward tal-appoġġ għall-produzzjonijiet ta’ films Ewropej.

L-inizjattiva tagħti aktar viżibbiltà lill-films nominati u tgħinhom jegħlbu l-fruntieri u jilħqu udjenza usa’. Dan jippermetti lill-udjenzi minn madwar l-Unjoni Ewropea, u lil hinn minnha, jaraw films li kieku ma kinux jintwerew f’pajjiżhom.

Il-films nominati huma sottotitolati bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u l-Parlament Ewropew jorganizza wiri fis-27 Stat Membru kollha tal-UE matul il-perjodu “Ara, Ikklassifika u Irbaħ”, minn Settembru 2023 sa Marzu 2024. Barra minn hekk, il-film li jirbaħ il-Premju LUX tal-Udjenza se jiġi adattat għal udjenzi bi problemi tas-smigħ.