Proċess tal-għażla

Il-proċess tal-għażla

Il-Ġurija tal-Premju LUX hija ġurija magħmula mill-industrija Ewropea tal-films, li tinnomina l-films għall-Premju LUX tal-Udjenza minn għadd kbir ta' films sottomessi għall-European Film Awards. Kull membru tal-ġurija għandu l-possibbiltà li jipproponi żewġ films biex jiġu kkunsidrati għan-nomina. Sottomissjonijiet spontanji mhumiex aċċettati.

L-objettiv tal-Ġurija huwa li jidentifika ħames (dis-sena: tlieta) films Ewropej li se jkunu eliġibbli għal LUX – il-Premju Ċinematografiku Ewropew tal-Udjenza (fil-qosor: Premju LUX tal-Udjenza). Ir-rwol tal-membri tal-Ġurija huwa li jaraw, jiddiskutu u jivvotaw il-films magħżula sottomessi għall-European Film Awards.

Minħabba l-konsegwenzi tal-pandemija u l-miżuri restrittivi, għal dab'oħra din is-sena l-membri tal-Ġurija għażlu tliet films matul il-laqgħa tal-Ġurija tal-Premju LUX, f'Ottubru 2021.

It-tliet films ġew żvelati fiċ-Ċerimonja tal-European Film Awards fil-11 ta' Diċembru 2021.

Kriterji tal-eliġibbiltà għall-edizzjoni tal-2022

Biex il-films jiġu kkunsidrati għall-Premju LUX tal-Udjenza, jeħtiġilhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

Ġenerali:

  • Ikunu ġew ippremjati jew ingħataw aktar attenzjoni f'festival ewlieni.
  • Ikunu nbiegħu lit-teatri taċ-ċinema jew intwerew fihom f'tal-inqas ħames pajjiżi tal-UE (mibjugħa f'tal-inqas tliet pajjiżi tal-UE fil-każ ta' films minn Cannes u Karlovy Vary).
  • Ikollhom l-ewwel wiri pubbliku uffiċjali f'festival (inkluż online) jew inħarġu fiċ-ċinema jew online bejn l-1 ta' Settembru 2020 u l-1 ta' Settembru 2021.


Suġġetti:

  • Il-films għandhom juru d-diversità tas-suġġetti fil-qalba tad-dibattitu Ewropew u għandhom ikunu aċċessibbli minn udjenza Ewropea wiesa', diversifikata u kbira.
  • Il-films iridu jkopru varjetà ta' temi, jippromwovu u jinkoraġġixxu d-dibattitu pubbliku dwar il-ħajja Ewropea ta' kuljum u dwar il-futur tal-Ewropa. Id-diversità tat-ton, is-suġġetti u l-varjetà tal-ġeneri huma mħeġġa.
  • Id-diversità u l-inklużjoni għandhom jiġu rappreżentati b'mod ċar permezz tas-suġġetti u l-karattri tal-film.


L-oriġini ġeografika tal-produzzjoni:

Jeħtieġ li l-films jiġu prodotti jew koprodotti f'pajjiżi eliġibbli għall-programm EWROPA KREATTIVA – MEDIA (il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda, l-Albanija, in-Norveġja, il-Bożnija-Ħerzegovina, u l-Montenegro).

Pajjiż ewlieni tal-produzzjoni:

Sabiex tinżamm l-aktar varjetà ġeografika rikka li tippermetti lista qasira ta' tliet films, ma jiġux aċċettati żewġ films mill-istess pajjiż ta' oriġini.

Ġeneru:

Finzjoni, animazzjoni jew dokumentarju.

Tul:

It-tul tal-film irid ikun ta' minimu ta' 60 minuta. Films li jaqbżu l-120 minuta għandhom jiġu evitati kemm jista' jkun.