In-nomina ta' Flee għall-Oscars 2022 hija avveniment storiku

In-nomina ta' Flee għall-Oscars 2022 hija avveniment storiku

Il-films nominati għall-Premju LUX tal-Udjenza mogħti mill-Parlament Ewropew u l-European Film Academy jibqgħu jagħmlu passi storiċi u sinifikanti fl-Academy Awards. Is-sena l-oħra, għall-ewwel darba, żewġ finalisti tal-Premju LUX ġew nominati għall-Oscars, f’żewġ kategoriji differenti: Another Round ta' Thomas Vinterberg u Collective, ir-rebbieħ tal-Premju LUX tal-Udjenza 2021, ta' Alexander Nanau.

Fit-8 ta' Frar, l-Academy of Motion Picture Arts and Sciences ħabbret in-nomini tal-Academy Awards 2022 (ara l-lista sħiħa hawnhekk), lista li fiha l-films Ewropej jidhru b'mod prominenti. Fost in-nomini nsibu d-dokumentarju animat ta' Jonas Poher Rasmussen’s Flee, wieħed mill-finalisti tal-Premju LUX tal-Udjenza ta' din is-sena, li rċieva total ta' tliet nomini u b'hekk huwa l-ewwel film li qatt ġie nominat għall-kategoriji tal-Aqwa Film Animat, l-Aqwa Dokumentarju u l-Aqwa Film Internazzjonali. L-94 edizzjoni taċ-ċerimonja tal-Academy Awards se ssir fis-27 ta' Marzu, li fiha Flee jidher kandidat b'saħħtu.

Iż-żewġ films l-oħra li qed jikkompetu għall-Premju LUX tal-Udjenza 2022, Quo Vadis, Aida? ta' Jasmila Žbanić u Great Freedom ta' Sebastian Meise, ukoll kellhom perjodu twil ta' suċċess matul il-perkors tal-festival u rċevew rikonoxximenti kemm mill-kritiċi kif ukoll mill-udjenzi. Il-film ta' Meise ġie magħżul għall-kategorija tal-Aqwa Film Internazzjonali tal-Academy Awards. Great Freedom, bi Franz Rogowski bħala l-protagonist ewlieni, qed jikseb suċċess fl-Awstrija u qed jintwera anke madwar l-Ewropa. Quo Vadis, Aida? li wkoll ikkompeta fl-Academy Awards tas-sena l-oħra, sar wieħed mill-aktar films li kiseb suċċess minn meta ntwera għall-ewwel darba f'Venezja. Dawn it-tliet films mill-isbaħ se jibqgħu jintwerew fix-xhur li ġejjin madwar l-Ewropa bil-għan li tintlaħaq udjenza wiesa' permezz ta' diversi wirjiet u avvenimenti organizzati. Sadanittant il-perjodu ta' "Ara u Vvota" għall-Premju LUX tal-Udjenza 2022 għadu miftuħ u l-udjenzi madwar l-Ewropa huma mistiedna jivvotaw lill-films favoriti tagħhom qabel it-23 ta' Mejju fuq https://luxaward.eu/mt.