Nomina għall-Premju LUX tal-Udjenza 2022: Quo Vadis, Aida? ta' Jasmila Žbanić

Nomina għall-Premju LUX tal-Udjenza 2022: Quo Vadis, Aida? ta' Jasmila Žbanić

Fil-11 ta' Diċembru, finalment tħabbru t-tliet nomini għall-Premju LUX tal-Udjenza 2022 waqt l-34 edizzjoni tal-European Film Awards, f'xandira diretta minn Berlin. L-aktar film riċenti ta' Jasmila Žbanić, Quo Vadis, Aida? (il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Awstrija, ir-Rumanija, Franza, in-Netherlands, il-Ġermanja, il-Polonja, in-Norveġja, it-Turkija) intgħażel minn ġurija ta' professjonisti tal-films Ewropej biex jikkompeti għall-premju pan-Ewropew tal-udjenza, flimkien ma' Flee, b'direzzjoni ta' Jonas Poher Rasmussen (id-Danimarka, Franza, in-Norveġja, l-Iżvezja), u Great Freedom, b'direzzjoni ta' Sebastian Meise (l-Awstrija, il-Ġermanja).

L-istorja ta' qsim il-qalb ta' Žbanić, li tiffoka fuq interpretu tan-NU li qed tipprova ssalva l-familja tagħha mill-massakru ta' Srebrenica matul il-Gwerra tal-Bożnja, kienet ukoll ir-rebbieħa l-kbira tas-serata (ara l-aħbarijiet), u rebħet il-premjijiet għall-kategoriji tal-Aqwa Film Ewropew, l-Aqwa Direttur Ewropew u l-Aqwa Attriċi Ewropea, li ntrebaħ minn Jasna Đuričić, li interpretat b'mod brillanti l-karattru ewlieni tal-istorja. Sa mill-ewwel wiri tiegħu f'kompetizzjoni fis-77 edizzjoni tal-Festival tal-Films ta' Venezja fl-2020, il-film kompla biex rebaħ bosta premjijiet f'festivals internazzjonali differenti, fosthom Les Arcs, Arras, Göteborg u l-Festival Internazzjonali tal-Films ta' Rotterdam, u ntgħażel bħala s-sottomissjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-kategorija tal-Aqwa Film Barrani 2021.

Id-Direttriċi Bożnijaka hija magħrufa sew għall-mod kif tanalizza b'mod konvinċenti t-trawma ikkawżata mill-gwerra fil-pajjiżi ta' dik li kienet il-Jugoslavja (ibda mill-ewwel film tagħha, Grbavica, li rebaħ il-Golden Bear fil-Berlinale tal-2006). Ir-rakkont ta' Žbanić dwar il-ġenoċidju ta' Srebrenica jġegħilna nħarsu lura lejn wieħed mill-aktar kapitli koroh fl-istorja Ewropea reċenti. Sa mill-ewwel sekwenzi, insibu ruħna f'tellieqa stressanti kontra l-ħin ġewwa l-kamp tan-NU wara l-ħtif tal-belt mill-armata Serba fl-1995. Il-pass meqjus tal-film u r-rakkont evokattiv tal-istorja jagħmlu l-film wieħed emozzjonali, anke jekk l-eżitu traġiku tal-istorja huwa ċar għall-udjenza. Fi kliem Žbanić, "Bħala bnedmin, aħna dejjem nittamaw, anke fl-aktar sitwazzjonijiet terribbli. [...] Anke jekk in-nies jafu eżatt kif ser tintemm l-istorja, xorta jibqgħu jittamaw" (aqra l-intervista sħiħa hawnhekk).

Kollox hu rrakkuntat mill-perspettiva ta' Aida, għalliema determinata u perseveranti li ssir interpretu għan-NU matul il-kunflitt. Hija takkumpanja lil dawk fil-poter waqt it-telefonati u l-laqgħat li se jiddeċiedu d-destin ta' eluf ta' persuni, inkluż id-destin ta' żewġha u wliedha. Skont Žbanić, dan huwa "film dwar id-determinazzjoni ta' mara biex issalva lill-familja tagħha fl-aktar ċirkostanzi diffiċli". Meta rċeviet il-Premju tal-European Film Academy, id-direttriċi qalet li l-film kien iddedikat għan-nisa u l-ommijiet kollha ta' Srebrenica, "li sabu mod kif jibnu l-paċi f'pajjiż li kien ħerba sħiħa". Žbanić tittama wkoll li tispira produtturi tal-films nisa ġodda biex huma wkoll jirrakkontaw l-istejjer tagħhom.

Tista' tivvota għal dan il-film fuq www.luxaward.eu sal-25 ta' Mejju 2022.