Nomina għall-Premju LUX tal-Udjenza 2022: Great Freedom ta' Sebastian Meise

Nomina għall-Premju LUX tal-Udjenza 2022: Great Freedom ta' Sebastian Meise

Kif imħabbar matul l-34 edizzjoni tal-European Film Awards f'Diċembru, it-tieni film ta' Sebastian Meise, Great Freedom, huwa wieħed mit-tliet films li qed jikkompetu għall-Premju LUX tal-Udjenza 2022. Il-membri tal-Ġurija tal-Premju LUX tal-Udjenza nnominaw il-koproduzzjoni Awstrijako–Ġermaniża għat-tieni edizzjoni tal-premju tal-udjenza pan-Ewropea. Il-proċess tal-votazzjoni diġà nfetaħ, u r-rebbieħ se jiġi deċiż mill-voti tal-pubbliku u tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Iż-żewġ films l-oħra fil-kompetizzjoni huma Quo Vadis Aida? ta' Jasmila Žbanić (il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Awstrija, ir-Rumanija, Franza, in-Netherlands, il-Ġermanja, il-Polonja, in-Norveġja, it-Turkija) u Flee ta' Jonas Poher Rasmussen (id-Danimarka, Franza, in-Norveġja, l-Iżvezja).

Wara li ġibed l-attenzjoni tal-udjenzi bl-ewwel film imqanqal tiegħu Still Life fl-2011, Meise jippreżenta storja qawwija oħra – din id-darba dwar raġel ittorturat li jqatta' l-biċċa l-kbira ta' ħajtu l-ħabs fil-Ġermanja ta' wara l-gwerra, talli kien omosesswali. Il-film intwera għall-ewwel darba f'Cannes fl-2021 bħala parti mill-kategorija Un Certain Regard (fejn rebaħ bla diffikultà il-Premju tal-Ġurija), u minn dak iż-żmien 'l hawn rebaħ diversi premjijiet, fosthom il-premjijiet ewlenin f'Sarajevo u f'Sevilja, il-Premju CICAE Arthouse Cinema u l-premjijiet għall-Aħjar Ċinematografija Ewropea u għall-Aħjar Kompożizzjoni Oriġinali waqt il-European Film Awards 2021. Il-film ġie nominat ukoll fil-kategorija tal-Aqwa Film Barrani waqt l-94 edizzjoni tal-Oscars.

Fi kliem il-produttur tal-films Awstrijak u koawtur tax-xeneġġatura, Thomas Reider, il-film huwa "storja ta' destin traġiku fi żmien fejn l-imħabba hija ttrattata bħala reat", u huwa msejjes fuq rapporti dwar irġiel gay li nħelsu mill-kampijiet ta' konċentrament Nażisti u li mbagħad ġew imġiegħla jiskontaw il-bqija tas-sentenzi tagħhom fil-ħabs. L-attur Ġermaniż Franz Rogowski (li kiseb prominenza f'films bħal Victoria, Transit u Happy End)  joffri prestazzjoni impressjonanti fir-rwol ewlieni ta' Hans, raġel li jispiċċa l-ħabs ripetutament minħabba l-Artikolu 175 tal-liġi Ġermaniża li kien jikkriminalizza l-atti omosesswali fil-pajjiż. L-istorja tiżvolġi fi tliet perjodi differenti fl-istess ħabs, u spiss taqleb minn perjodu għal ieħor bejn l-1945, l-1957 u l-1968 (sena qabel it-tħassir parzjali tal-liġi), u tibni narrattiva ipnotizzanti filwaqt li tesplora bil-qawwa l-ħajja privata tal-karattru ewlieni u tas-soċjetà Ġermaniża ta' dak iż-żmien.

Id-direttur iddeskriva wkoll il-film bħala wieħed li juri "relazzjoni speċjali bejn żewġt irġiel fil-ħabs", b'referenza għar-relazzjoni turbolenti bejn Hans u sieħbu taċ-ċella, Viktor (prestazzjoni brillanti oħra mill-attur Awstrijak Georg Freidrich), raġel ikkundannat għal omiċidju li jsir l-unika relazzjoni rikorrenti fil-ħajja ta' Hans matul id-diversi perjodi tiegħu fil-ħabs. Matul is-snin, iż-żewġt irġiel jiżviluppaw relazzjoni ta' mħabba iżda instabbli, li toħroġ il-biżgħat moħbija li jesponu l-uġigħ ta' ħajja ddominata mir-repressjoni u minn xewqa profonda ta' liberazzjoni.

Tista' tivvota għal dan il-film fuq www.luxaward.eu sal-25 ta' Mejju 2022.