Great Freedom

Great Freedom
Great Freedom
Sinteżi:

Fil-Ġermanja ta' wara l-gwerra, Hans dieħel u ħiereġ il-ħabs għax huwa omosesswali. Ix-xewqa tiegħu għal-libertà tibqa' sistematikament bla temma meta jinqabad jikser l-Artikolu 175 tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż. L-unika relazzjoni stabbli f'ħajtu hija ma' sieħbu taċ-ċella għal żmien twil, Viktor, li huwa qattiel ikkundannat. L-istmerija tal-bidu eventwalment tinbidel f'imħabba.

Fokus fuq il-film:

Great Freedom huwa t-tieni film tad-direttur Awstrijak Sebastian Meise, li ntwera għall-ewwel darba fit-taqsima Un Certain Regard tal-Festival Ċinematografiku ta' Cannes u rebaħ il-Premju tal-Ġurija. Minn dak iż-żmien baqa' jirbaħ premju wara l-ieħor fil-festivals internazzjonali.

Franz Rogowski huwa wieħed mill-aktar atturi żgħażagħ promettenti tal-lum. Ma' kull rwol li jieħu, iġib miegħu aspetti u sfumaturi ġodda u strambi tat-talent tiegħu daqslikieku kienu elementi kimiċi li għad iridu jiġu kklassifikati u msemmija. Kellu rwol ta'raġel perikoluż (f'Victoria), kien protagonist romantiku f'film traġiku noir (fi Transit) u issa, fi Great Freedom, jirreċta karattru mimli tjubija.

Il-karattru ta' Rogowski, Hans Hoffmann, huwa l-personifikazzjoni perfetta ta' individwu li għodwa waħda ġie arrestat mingħajr ma kien għamel xejn ħażin, bħalma tgħid il-famuża l-ewwel sentenza ta' The Trial ta' Kafka. L-allegat "delitt" fil-każ ta' Hans huwa l-fatt li kellu relazzjonijiet omosesswali.

Great Freedom huwa biċċa xogħol li tibbilanċja perfettament diversi temi u aspetti narrattivi. Jagħti ħarsa fil-fond lejn l-istorja tal-Ġermanja ta' wara l-gwerra, il-ħajja tal-persuni omosesswali qabel id-dekriminalizzazzjoni, u kif il-loġika tal-priġunerija tmewwet u toħloq ħabs mentali, u b'hekk il-ħabs fiżiku jsir kważi irrilevanti. Il-film ma jidħolx fir-raġuni għala l-Ġermanja baqgħet daqshekk intolleranti wara r-rebħa tal-Alleati iżda, b'mod affaxxinanti, dan in-nuqqas ma joħloqx skumdità. Meise ma joqgħodx lura mill-ingredjenti pjuttost tipiċi tal-film tal-ħabs. Anzi jużahom favurih: insibu l-ġlied fil-"bitħa", l-iljieli fit-"toqba" u xi ħjiel li jista' jkun hemm ħarba mill-ħabs. Mhijiex esperjenza għalkollox ta' swied il-qalb: Hemm l-umoriżmu, u biex ngħidu kollox, anke xeni ta' sess.

Fi tliet kronoloġiji interkonnessi, li jidħlu ġo xulxin bħall-pupi Russi, Hans ripetutament isib ruħu fl-istess ħabs ta' sigurtà għolja għal sensiela ta' atti omosesswali. Huwa jiġi mċanfar speċifikament talli nqabad fil-fatt (hawnhekk ma nsibux il-pulizija tal-ħsieb Orwelljani). Karattru li jidher f'kull era storika — l-1945, l-1957 u l-1968 (is-sena ta' qabel id-dekriminalizzazzjoni) — huwa Viktor, interpretat mill-attur Awstrijak ugwalment imfaħħar Georg Friedrich. Dan ikun qed jiskonta sentenza ta' għomor il-ħabs għal omiċidju u, għall-inqas fil-bidu, huwa omofobiku aħrax. Iżda r-relazzjoni bejn iż-żewġt irġiel tiżviluppa b'mod affaxxinanti f'rabta li tkun kważi, iżda mhux għal kollox, romantika.

David Katz, Cineuropa

Great Freedom huwa koproduzzjoni bejn l-Awstrija u l-Ġermanja. Ġie prodott minn FreibeuterFilm (A) u Rohfilm Productions (DE). Il-bejgħ internazzjonali huwa ġestit minn The Match Factory.