Flee

Flee
Flee
Sinteżi:

Amin Nawabi (psewdonimu), akkademiku ta' 36 sena ta' suċċess kbir, qed jissielet ma' sigriet li jweġġa' u li żamm moħbi għal 20 sena, sigriet li qed jhedded li jisfrattalu l-ħajja li bena b'tant galbu għalih innifsu u għal dak li dalwaqt isir ir-raġel tiegħu. Id-direttur Jonas Poher Rasmussen jinqeda bl-animazzjoni biex jipproteġi l-identità ta' Amin, ħabib intimu u sieħeb tal-klassi fl-iskola superjuri tiegħu, li jiddeskrivi għall-ewwel darba l-istorja tal-vjaġġ straordinarju tiegħu bħala tifel rifuġjat mill-Afganistan. Permezz ta' intervisti mqanqla bejn Jonas u Amin, Flee jirrakkonta storja ta' awtoskoperta li ma tista' tintesa qatt. Juri kif huwa biss meta nikkonfrontaw il-passat li nistgħu nfasslu futur, u jirrikonoxxi li wieħed isib is-sinifikat reali ta' "daru" meta jieqaf jaħrab minnu nnifsu.

Fokus fuq il-film:

Bħala wieħed mid-dokumentarji animati l-aktar ipnotizzanti taż-żminijiet reċenti, Flee jiddokumenta b'mod uniku t-tentattivi ħarxa ta' rifuġjat Afgan biex isib ażil barra minn pajjiżu, waqt li l-vjaġġ tiegħu huwa kollox minbarra sempliċi. Id-Direttur Daniż Jonas Poher Rasmussen isib modi eċċezzjonali biex jiżvela l-memorji tal-protagonista tiegħu Amin, billi jittrasformahom f'xi ħaġa simili għal storja klassika ta' suspans; u dan kollu mingħajr ma jitlef il-kredibbiltà ta' dokumentarju.

Filwaqt li kien fost il-films magħżulin għall-Cannes Label tal-2020, Flee kellu jistenna sitt xhur biex ikollu l-premiere tiegħu fil-World Cinema Documentary Competition tal-Festival tal-Films Sundance ta' din is-sena, fejn rebaħ il-Gran Prix tal-Ġurija u kien wieħed mill-aktar films ammirati fl-avveniment kollu.

 

Waħda mill-ħafna xeni spettakolari tal-film isseħħ fil-bidu tiegħu, meta Amin (il-karattri ewlenin kollha għandhom psewdonimi biex tiġi protetta l-anonimità tagħhom) jintasab fuq sufan lussuż u jħejji ruħu biex jirrakkonta l-ġrajja impressjonanti tiegħu lil Rasmussen. Imbagħad, hekk kif aħna fl-udjenza nkunu qed nissetiljaw bl-istess mod, titfaċċa clapperboard tal-films fir-rokna tal-frejm, u ż-żewġ karattri ewlenin jibdew jiddieħku u mbagħad tiżvolġi x-xena. U dan kollu jsir b'animazzjoni mpinġija bl-idejn, bil-linji irregolari u l-imperfezzjonijiet ta' skeċċ. X'inhi r-realtà li ninsabu fiha hawn? Ir-realtà soġġettiva u n-natura tal-perċezzjonijiet tagħna huma fil-fatt waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin ta' dan il-film.

L-idea ġenjali li tintuża l-animazzjoni biex tiddeskrivi litteralment l-istorja ta' Amin hija li l-meravilja ta' kuluri u l-esaġerazzjonijiet spazjali tiegħu jressquna eqreb lejn is-sentiment ta' "aċċess" fil-memorja, kważi kważi l-livelli tar-realtà kkodifikati bil-kuluri fix-xogħol ta' Christopher Nolan.

Għall-kuntrarju ta' ħafna narrattivi dwar il-migranti fil-films kontemporanji, Flee jseħħ f'mument aktar bikri – l-aħħar stadji tal-Gwerra bejn l-Afganistan u l-Unjoni Sovjetika fl-aħħar tas-snin tmenin – fejn il-ħarba kienet saret l-unika għażla tal-popolazzjoni ċivili. L-affinità mal-kriżi moderna tar-rifuġjati hija madankollu ovvja. Meta kien għadu tfajjel, Amin għall-ewwel kien ħarab mill-Afganistan, flimkien ma' ommu, mara fraġli, u t-tliet aħwa akbar minnu, lejn ir-Russja, l-uniku pajjiż li kien lest li jilqagħhom. Madankollu, din kienet biss soluzzjoni temporanja, bil-viżi Russi tagħhom jiskadu u l-pajjiż jispiċċa f'taqlib kbir wara l-waqgħa tal-komuniżmu. Il-parti l-kbira tal-film issegwi t-tentattivi dejjem aktar sfortunati u Kafkjani ta' Amin biex jissetilja f'pajjiż tal-Ewropa tal-Punent aktar sigur. Madankollu persuna mhijiex iddefinita biss mill-istatus politiku tagħha, u element kontinwu ewlieni f'din l-istorja huwa li Amin jibda jiskopri l-omosesswalità tiegħu; naraw it-taqbidiet tiegħu biex jaħbi dan mill-familja tiegħu, u kif jesplora l-impulsi tiegħu fil-privat u ma' nies tal-età tiegħu stess.

L-animazzjoni, ipprovduta minn Sun Creature Studio li huwa bbażat f'Copenhagen, ma tbegħedniex mill-avvenimenti vixxerali li jkunu qed jiżvolġu. Ix-xeni tal-bidu tal-film, li jseħħu f'Kabul ta' madwar il-bidu tas-snin tmenin, huma festa ta' kulur u ta' dettall lussuż, kollha ssettjati b'mod awtoreferenzjali bl-isfond mużikali ta' Take on me tal-grupp a-ha, li naturalment, għandu video mużikali animat famuż. Aktar tard, il-labirint ta' toroq ta' Saint petersburg jagħtu l-impressjoni li kuljum isseħħ rewwixta tal-massa, u hemm sekwenza fil-baħar b'bastiment tal-passiġġieri enormi li toħloq atmosfera ferm impressjonanti.

L-impetu għall-film ġie mill-ħbiberija bejn id-direttur u l-protagonista – dawn iltaqgħu fl-iskola superjuri, u Rasmussen dejjem kellu kurżità biex jisma' lil Amin jirrakkonta kif spiċċa d-Danimarka. Ħafna minna għandna ħabib intimu li l-ħajja tiegħu nafu li tkun suġġett perfett għal film. Din id-darba, Rasmussen attwalment ta l-ħajja lil dak il-film ipotetiku, u dan huwa verament rigal.

Flee huwa koproduzzjoni bejn id-Danimarka, Franza, l-Iżvezja u n-Norveġja. Ġie prodott minn Final Cut for Real u Sun Creature fid-Danimarka, f'koproduzzjoni ma' Vivement Lundi, Most Film u Mer Film u f'assoċjazzjoni ma' Left Handed Films u Vice Studios. Il-bejgħ internazzjonali huwa ġestit minn Cinephil.

David Katz, Cineuropa