ANOTHER ROUND

ANOTHER ROUND
Sinteżi:

Teżisti teorija li għandna nitwieldu b'ammont żgħir ta' alkoħol f'demmna, u li daqsxejn ta' sakra tiftħilna moħħna għad-dinja ta' madwarna, tnaqqas il-problemi tagħna u żżid il-kreattività tagħna. Inkoraġġit minn dik it-teorija, Martin u tlieta minn sħabu, kollha għalliema mdejqa tal-iskola postsekondarja, jibdew esperiment biex iżommu livell kostanti ta' intossikazzjoni matul il-ġurnata tax-xogħol. Jekk Churchill rebaħ it-tieni gwerra dinjija taħt stordament alkoħoliku qawwi, min jaf x'effett jista' jkollhom ftit qatriet għalihom u għall-istudenti tagħhom? Ir-riżultati inizjali huma pożittivi, u l-proġett ċkejken tal-għalliema jinbidel fi studju akkademiku reali. Kemm il-klassijiet tagħhom kif ukoll ir-riżultati tagħhom ikomplu jitjiebu, u l-grupp iħossu li reġa' qam fuq tiegħu! Hekk kif l-unitajiet ta' alkoħol jitniżżlu, uħud mill-parteċipanti jinnotaw titjib ulterjuri u oħrajn jitħarbtu kompletament. Isir dejjem aktar evidenti li filwaqt li l-alkoħol seta' wassal għal riżultati kbar fl-istorja tad-dinja, xi atti kuraġġużi ħallew konsegwenzi.

Fokus fuq il-film:

Il-kunċett tal-film ANOTHER ROUND ta' Thomas Vinterberg huwa tant tajjeb li wieħed jittama li jsib ruħu fil-pub jiċċelebra bi drink meta hu jew ix-xeneġġatur regolari tiegħu Tobias Lindholm (The Commune tal-2016, The Hunt tal-2013 u Submarino tal-2020) ħarġu bih. Jew forsi ħarġu bih waqt lejla ma' sħabu meta Vinterberg iddeċieda li jagħmel film ispirat mit-teorija oskura tal-psikologu Norveġiż Finn Skårderud li l-bniedem jitwieled b'defiċjenza ta' 0.05 % ta' alkoħol f'demmu. Imbagħad il-mistoqsija tqum: x'isir mill-kwalità ta' ħajtek jekk tipprova żżomm lilek innifsek f'sakra sa dan il-livell perfett? Jagħmel il-bniedem aktar kuntent? Jirnexxielek tirreżisti xi ħaġa hekk, ħaġa li faċilment tista' ssibha miktuba fuq wara ta' pakkett sigaretti? Żgur mhux f'Cannes, fejn ANOTHER ROUND irċieva t-tikketta tal-Għażla Uffiċjali, lanqas fil-European Film Academy, lanqas fit-Toronto Film Festival, fejn kien jagħmel parti mill-Għażla Uffiċjali, lanqas fis-San Sebastián Film Festival, fejn il-film intwera għall-ewwel darba, f'kompetizzjoni, u lanqas fil-kumitat tal-għażla tal-Oscars Daniżi, li għażluh biex jirrappreżenta l-pajjiż fil-kategorija tal-Aqwa Film Internazzjonali.

Jagħmel sens li ladarba toħroġ b'kunċett bħal dan, terġa' tlaqqa' l-ħbieb l-antiki. U huwa mument tassew ċelebratorju tara lill-eks alljevi ta' Vinterberg, jiġifieri Mads Mikkelsen, Thomas Bo Larsen, Magnus Millang u Lars Ranthe jaħdmu fl-istess film. Huma jaħdmu l-parti ta' għalliema fi skola postsekondarja waqt li għaddejjin minn kriżi tal-mezz'età, filwaqt li qed jippruvaw jerġgħu jiksbu lura l-kunfidenza li kellhom kemm id-dar kif ukoll fuq ix-xogħol, u b'liema mod aħjar tista' tagħmel dan jekk mhux bl-alkoħol? Hemm xi ħaġa tant sovversiva dwar din l-idea li huwa kważi tal-mistħija li wieħed jammetti li anke fiċ-ċinema, l-alkoħol jidher bħala kura għat-tiġrib tal-ħajja, preċiżament bil-mod kif wieħed jissuspetta. Eventwalment se jkun hemm hangover. Għal bidu, jinħass li Vinterberg se jiċċelebra l-alkoħol bħala rimedju li jfejjaq kollox b'tali mod li jagħmel lill-protagonisti tal-film "Whithnail and I" estatiċi. F'mument minnhom ikun hemm student anzjuż li saħansitra jiġi inkoraġġut jieħu drink biex jikkalma l-ansjetà li jkollu minħabba l-eżamijiet – soluzzjoni li taħdem bla problemi ta' xejn. Waqt il-lezzjoni tal-Istorja, Martin (interpretat minn Mikkelsen) jibda jirrakkonta lill-istudenti li l-alkoħol huwa dak li jgħaqqad flimkien lill-persunaġġi l-kbar tal-passat. Din il-bidla fl-approċċ tagħmel lill-istudenti jqisuh bħallikieku kien John Keating interpretat minn Robin Williams. Imbagħad jiġi l-uġigħ ta' ras tal-jum ta' wara.

Iżda Vinterberg huwa direttur intelliġenti u jaf aħjar milli jħalli kwalunkwe film tiegħu jiġi ddominat minn kunċett waħdieni, jiġifieri wieħed sempliċement relatat mal-alkoħol. Juża l-iskuża tax-xorb biex iwebbilna, qabel jurina li dan il-film għandu messaġġ aktar profond dwar kif, meta l-ħajja tidher bla sens u monotona, xi drabi dan huwa r-riżultat tal-falliment tagħna li nkunu onesti magħna nfusna. U dan huwa l-qofol tal-istorja li jagħmel lil ANOTHER ROUND ġrajja li tiċċelebra t-tlajja' u l-inżul tal-ħajja.

Dan kollu huwa megħjun grazzi għal interpretazzjoni mill-aqwa tal-perċimes tax-xorb: Martin interpretat minn Mikkelsen. Wara snin jaħdem films b'lingwi differenti, did-darba l-attur qed jerġa' jaħdem bil-lingwa nattiva tiegħu bħala karattru li jinsab fil-qiegħ, imdejjaq b'xogħlu ta' għalliem u bi żwieġ staġnat. Ix-xorb jaħdem sa ċertu punt, iżda ma jtihx għarfien biżżejjed biex jifhem li xi ħaġa trid tiġi ssagrifikata. U dan jiġri b'mod spettakolari. Se jkollu ħajja aktar feliċi? Min jaf, iżda tal-inqas qed ikompli jiżfen, kemm mentalment kif ukoll fiżikament.

ANOTHER ROUND hija koproduzjoni Daniża-Żvediża-Olandiża mtella' minn Zentropa Entertainments, Film i Väst, Zentropa International Sweden, Topkapi Films u Zentropa International Netherlands. Il-bejgħ internazzjonali tiegħu ġie fdat lil TrustNordisk.

Kaleem Aftab